Malta Public Transport

L-għalliema tas-sewqan tal-karrozzi tal-linja jattendu kors speċjalizzat fi Spanja

02/02/2016

Fil-ġimgħat li għaddew, numru ta’ għalliema tas-sewqan tal-karrozzi tal-linja marru Spanja biex jieħdu taħriġ speċjalizzat.

“Is-sigurà fit-toroq hija prijorità ewlenija għalina”, qal Konrad Pule, il-General Manager tal-Malta Public Transport. “Aħna parti minn network ta’ operazzjonijiet tat-trasport. Dan jipprovdilna opportunità eċċellenti fejn jidħol it-titjib fit-taħriġ li nipprovdu għas-sewwieqa tagħna. Nistgħu nitgħallmu mill-kollegi tagħna u naddattaw dawn l-esperjenzi u s-suċċess fil-qasam lokali.”

“Is-sewwieqa tagħna huma l-ħin kollu fuq it-toroq u għandhom responsabbiltà għas-sigurtà tagħhom infushom, dik tal-passiġġieri u tal-pubbliku inġenerali. B’aktar minn 1,000 sewwieq/a u 5,200 vjaġġ kuljum, kollha kemm aħna għandna rwol importanti fejn tidħol is-sigurtà fit-toroq” spjega s-Sur Pule.

Għall-ewwel darba, l-għalliema tas-sewqan ingħataw ukoll taħriġ bl-użu ta’ simulatur tas-sewqan professjonali. Dan huwa parti mill-pjan li għall-ewwel darba jiġi implimentat simulatur tas-sewqan ġdid f’Malta. Dan jippermetti l-kumpanija li ssaħħah il-metodu ta’ taħriġ tradizzjonali u ttejjeb l-aġir u l-attitudni ġenerali fejn jidħol is-sewqan sigur. Jippermetti wkoll li l-kumpanija tipprovdi taħriġ aktar speċjalizzat f’ċirkostanzi li mhux faċli jiġu riprodotti fit-triq.

L-għalliema stess ikkummentaw li din kienet esperjenza pożittiva ħafna għalihom u li jħossuhom kburin li ngħataw l-opportunità li jipparteċipaw b’mod tant attiv f’din l-inizjattiva. “Mhux biss tgħallimna mingħand il-kollegi Spanjoli, iżda stajna naqsmu l-esperjenzi u l-għarfien tagħna magħhom” spjega wieħed mill-għalliema tas-sewqan.

Dawn l-inizjattivi huma parti minn numru ta’ miżuri tanġibbli mmirati biex itejbu l-għarfien u s-sigurtà fit-toroq li jinkludu l-introduzzjoni riċenti ta’ 143 karrozza tal-linja ġodda armati b’teknoloġija u tagħmir tas-sigurtà l-aktar moderni.

Lura għall-aħbarijiet